Loading Events

Events

IDAHOBIT – Kwirżitajiet Mill-Passat

Nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju, il-Moviment Graffitti flimkien mal-MGRM se jorganizzaw mixja interessanti ġewwa l-Gżira flimkien ma Omar N’Shea li se joħodna lura fil-passat bir-rakkonti tiegħu u kwirżitajiet oħra dwar imkejjen ewlenin fil-Gżira marbutin mal-komunità LGBTIQ+.

Se niltaqgħu fil-11.00 ta’ filgħodu fejn il-latrini ta’ maġenb il-Bus Stop Lounge u flimkien nimxu matul Ġnien il-Kunsil tal-Ewropa, ngħaddu minn Triq Testaferrata u Triq l-iMsida, nidħlu l-Orfeum, u ninżlu x-Xatt.

Wara l-mixja se nibqgħu sejrin Manoel Island biex nieklu u nixorbu flimkien. Ġibu l-ikel u x-xorb magħkom. Qegħdin ngħaqqdu din l-attività mal-kampanja Manoel Island – Post Għalina għax l-ispazji pubbliċi qegħdin għalina biex ingawduhom u aħna hekk se nagħmlu.

Din il-mixja se ssir biex infakkru l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, l-Bifobija u t-Transfobija (IDAHOBIT), fi kliem ieħor huwa l-jum fejn niftakru f’kemm hawn persuni li jsofru mibgħeda, diskriminazzjoni, preġudizzji u inġustizzji minħabba li ma jikkonformawx mal-aspettattivi soċjali u kulturali tal-ġeneru u s-sesswalità.

Inħossu li għandna nagħtu importanza lil dan il-jum għax nemmnu li kull persuna għandha dritt tesprimi u tgħix il-ġeneru u s-sesswalità tagħha kif tixtieq hi mingħajr persekuzzjoni, mibgħeda u diskriminazzjoni.

Nisperaw li narawkom biex flimkien insiru nafu ftit kwirżitajiet mill-passat!

Omar N’Shea huwa akkademiku, kittieb u riċerkatur.

L-informazzjoni se tingħata bil-Malti.