Moviment Graffitti logo

Latest News

In-Nakba

Illum il-Palestinjani jfakkru n-Nakba – il-Katastrofi – meta fl-1948 huma sfaw imkeċċija minn arthom sabiex ikun jista’ jinħoloq stat Iżraeljan. Fl-1948, il-Palestinjani kienu fil-maġġoranza assoluta f’dik l-art, u s-settlers Żionisti – persuni li jemmnu li hemmhekk għandu jkun hemm stat esklussivament Lhudi – kienu f’minoranza. Għalhekk, skont iż-Żionisti, biex seta’ jinħoloq stat Iżraeljan b’maġġoranza Lhudija, il-Palestinjani kellhom bilfors jitkeċċew minn arthom.

U hekk ġara.

Militias Żionisiti, bi pjan li kienu ilu jiġi mħejji snin, marru fil-villaġġi u l-bliet Palestinjani, qatlu mijiet, ħarqu djar u keċċew ‘il fuq minn 750,000 Palestinjan minn arthom. Dawn, sal-lum il-ġurnata, għadhom rifuġjati.

Iżda fl-1948 l-Iżrael ma rnexxilux jkeċċi lill-Palestinjani kollha, u lanqas jieħu l-art kollha li ried jieħu. Għalhekk, minn dak iż-żmien ‘l hawn baqgħet il-missjoni tal-istat Iżraeljani li jagħmel il-ħajja tal-Palestinjani miżerja, li joqtol u jkeċċi kemm jista’ jkun Palestinjani u jaħtaf kemm jista’ jkun iktar art.

L-Iżrael illum il-ġurnata huwa stat ta’ Apartheid fejn in-nies li jgħixu fit-territorju mmexxi minnu huma maqsumin skont l-etniċità. Il-Palestinjani huma mċaħħda mill-aċċess għall-ilma, huma soġġetti regolarment għall-arrest jew detenzjoni fuq bażi arbitrarja, għandhom restrizzjonijiet biex imorru minn post għall-ieħor, djarhom jiġu kontinwament imwaqqgħin u huma imdawrin b’ħajt enormi ta’ Separazzjoni.

Sadanittant, l-Iżrael qed ikompli jespandi l-iżvilupp illegali fix-Xatt tal-Punent. Is-settlers armati ta’ kuljum jgħakksu lill-Palestinjani billi jaħarqulhom is-siġar taż-żebbuġ li jkunu ilhom ikabbru għal sekli sħaħ u billi jisparaw fuqhom bl-addoċċ. Gaza ilha assedjata kompletament mill-Iżrael għal dawn l-aħħar 12 snin li fihom inbidlet f’ħabs miftuħ, meqrud għal kollox minħabba attakki militari kontinwi.

Dan kollu jixhed il-kontinwazzjoni ta’ ideoloġija Żionista li ħsiebha biex tikkolonizza art Palestinjana u telimina kemm jista’ jkun Palestinjan

Iżda hemm, u se jibqa’ jkun hemm, ukoll miljuni ta’ nies – u aħna fosthom – li juru solidarjetà sħiħa mal-poplu Palestinjan, li jsemmgħu leħenhom favur il-ġustizzja, u kontra l-kolonjaliżmu u l-ħruxija tal-istat Iżraeljan.

Fejn hemm is-solidarjetà hemm it-tama.

PALESTINA ĦIELSA!

Latest from our blog

Moviment Graffitti, together with several residents’ groups, is calling on the public to join them for a lunchtime protest in...

Moviment Graffitti is firmly against the agreement recently signed between the Minister of Education and the Independent Schools Association (ISA)....

WATCH VIDEO HERE: https://www.facebook.com/movimentgraffitti/videos/509648428467662 The latest phase of the development of Fort Chambray – which after 30 years of controversial...