Moviment Graffitti logo

Latest News

[WATCH] Moviment Graffitti activist discusses work and the economy on Xarabank

Attivist fil-Moviment Graffitti kien fuq il-panel ta’ Xarabank fejn ġew diskussi x-xogħol, l-ekonomija u d-drittijiet tal-ħaddiema. F’dan il-video tistgħu taraw il-punti prinċipali li tqajmu mill-Moviment Graffitti.

—————————————

It-tkabbir ekonomiku, fih innifsu, ma jfissirx ħajja aħjar. It-tkabbir ekonomiku jfisser li l-ġid qed jikber. Ma jfissirx li qed jikber għal kulħadd bl-istess mod. U din m’hijiex xi ħaġa li bdiet issa. Dan huwa mudell li Malta addottat mid-disgħinijiet – is-suq isuq, u l-ekonomija dejjem indirizzata lejn tkabbir ekonomiku li jikber kemm jiflaħ, imma l-issues marbutin mal-ġustizzja ma jkunux fuq quddiem. L-aqwa li hemm iktar flus, imma għand min qegħdin il-flus? Il-paga minima f’Malta hija ta 740 ewro fix-xahar. Jiena nistaqsi kif xi ħadd jista’ jgħix ħajja diċenti b’740 ewro fix-xhar.

Il-paga minima f’pajjiżna għal għexieren ta’ snin ma għolietx. Qed ngħidu li l-ekonomija sejra sew, jew qed ngħidu li għandna ekonomija ibbażata fuq iċ-cheap labour? Jekk qed ngħidu li l-ekonomija tagħna ma tiflaħx żieda f’paga minima li hija miżera, mela hemm xi ħaġa li mhix sejra sew.

—————————————

In-nies fuq paga minima huma madwar 4%, imma hemm sittax-il elf ħaddiem ieħor li qegħdin biss fuq paga ftit iktar minn paga minima. U huwa propju għalhekk li l-paga minima importanti li togħla, għax meta togħla l-paga minima, ma togħliex il-paga minima biss. Meta togħla l-paga minima, il-pagi baxxi l-oħra jogħlew ukoll. 

—————————————

F’Malta il-paga minima ma għolietx. Li ntlaħaq huwa mekkaniżmu biex wara sentjen fuq paga minima jkollok “iċ-ċifra enormi” ta’ 6 ewro fil-ġimgħa iktar. Dan wara sentejn fix-xogħol, jiġifieri l-paga minima – dik li inti tidħol biha, l-inqas paga possibbli li tista’ titħallas, baqgħet l-istess, u gvernijiet u partiti differenti irrifjutaw li jgħolluha.

—————————————

Il-ħaddiem għandu jingħaqad flimkien u jiġġieled għal drittijiet u kundizzjonijiet aħjar. Inutli noqogħdu jkollna r-rabja lejn il-ħaddiema barranin. Il-problema m’humiex il-ħaddiema barranin. Il-problema huwa min jisfruttahom, u l-mudell ekonomiku li għandna li jġiegħlna fi ftit żmien inġibu għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema minn barra.

—————————————

X’nistgħu nagħmlu biex ikollna mudell ekonomiku differenti? L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu huwa li ma narawx biss it-tkabbir ekonomiku. It-tkabbir ekonomiku huwa importanti, imma billi jkollok ħafna tkabbir ekonomiku ma jfissirx li sejrin għall-aħjar. Irridu naraw ukoll kemm hemm ekonomija ġusta, kemm hemm ekonomija li, iktar milli hija kbira, hija ekonomija li n-nies qegħdin jibbenifikaw minnha. U din kif tagħmilha? Per eżempju, bis-sistema ta’ tassazzjoni li jagħmel il-pajjiż. Meta inti għandek ċertu tassazzjoni fuq qliegħ li huwa għoli ħafna, ta’ korporazzjonijiet per eżempju, hemmhekk jista’ jkun li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku tkun ftit inqas, imma l-Gvern xorta jkun qed idaħħal iktar dħul. Jew jekk inti, per eżempju, tilleġiżla biex tgħolli l-pagi. Dawn huma affarijiet li bihom l-ekonomija se tikber ftit inqas, imma n-nies se jmorru għall-aħjar, għax in-nies ikollhom pagi ogħla, u l-Gvern iġib iktar dħul minn tassazzjoni li hija iktar għolja għall-brackets l-iktar għoljin. 

—————————————

Waħda mill-ikbar diffikultajiet li dan il-mudell ekonomiku ġab hija fis-suq tal-propjetà f’Malta, kemm fil-kiri u kemm fix-xiri. Illum li tikri post inqas minn 600 u 700 ewro huwa diffiċli, u dan huwa l-inqas prezz, mhux il-medja. U hawnhekk mhux qed nitkellmu biss dwar il-fqar. Bħalissa s-settur tal-propjetà hawn Malta, l-kirjiet għoljin u l-propjetà biex tixtri għolja ħafna, qed tolqot lil kulħadd. X’inhi s-sitwazzjoni? Jekk tieħu loan tispiċċa tħallsu ta’ 65 sena. Bħalissa għadek b’xi mod tilħaq tħallsu ta 65 sena. Imma llum l-propjetà qed tgħola b’rata ħafna iktar ogħla mill-pagi. Jiġifieri ħa tiġi matematikament impossibli anki li tieħu l-loan, għax li l-bank mhux se jagħtik il-loan. U l-istess fil-kera.

Nilqgħu b’mod pożittiv li l-Gvern se jippubblika White Paper fuq il-kera, li jkun hawn regoli fis-suq tal-kera, fuq kemm jistgħu jogħlew il-prezzjiet minn sena għal sena u fuq kif isiru l-kuntratti. Fuq il-propjetà inġenerali jrid ikun hemm strateġija differenti. Eżempju, l-istrateġija li għal snin twal morna barra minn Malta nħeġġu lis-sinjuruni “jinvestu” fil-propjetà hawn Malta, ma tagħmilx sens. Waħda mill-affarijiet li għamlet din l-istrateġija partikolari hija li mbuttat u sparaw il-prezzijiet tal-propjetà. 

—————————————

It-tkabbir ekonomiku f’Malta kien qawwi u bħalissa f’Malta veru m’hawnx qagħad, u dik hija xi ħaġa pożittiva. Però l-istorja, ejja nifhmu, li ma tiqafx hemm. Għad hawn ħafna ħaddiema li jaħdmu f’kundizzjonijiet baxxi, li għandhom pagi baxxi, li qed isibu diffikultà kbira bil-kera, u anki mhux fil-kera, imma sempliċiment biex ikollhom saqaf fuq rashom. Li għandna bżonn, fl-aħħar mill-aħħar huwa, mhux li naraw it-tkabbir ekonomiku imma li naraw li jkollna ekonomija mfassla fuq il-bżonnijiet tan-nies

Latest from our blog

Moviment Graffitti, together with several residents’ groups, is calling on the public to join them for a lunchtime protest in...

Moviment Graffitti is firmly against the agreement recently signed between the Minister of Education and the Independent Schools Association (ISA)....

WATCH VIDEO HERE: https://www.facebook.com/movimentgraffitti/videos/509648428467662 The latest phase of the development of Fort Chambray – which after 30 years of controversial...